Bilanċ bejn is-sessi tal-MPE: 2024

Il-Parlament Ewropew se jippubblika r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej 2024 għal kull Stat Membru, kif ukoll projezzjoni tal-kompożizzjoni tiegħu fis-26 ta’ Mejju 2019. B’rispett sħiħ tal-liġijiet elettorali nazzjonali, il-kuntrattur tal-Parlament Verian se jistabbilixxi projezzjonijiet tas-siġġijiet tal-UE u nazzjonali. Il-ħarsa ġenerali Ewropea, li se tkun disponibbli mit-20:15 GMT+2, se tipprovdi l-ewwel projezzjoni ġenerali biċ-ċifri globali għall-gruppi politiċi bbażata fuq l-istruttura tal-Parlament uxxenti. Il-partiti nazzjonali li bħalissa mhumiex rappreżentati fil-Parlament Ewropew se jkunu affiljati ma’ grupp politiku jekk ikunu affiljati uffiċjalment ma’ dak il-grupp jew ikunu membru sħiħ f’partit politiku Ewropew, irreġistrat mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej. Se nuru d-dejta disponibbli hekk kif il-votazzjoni tintemm progressivament fl-Istati Membri. Il-projezzjoni se tiġi aġġornata sakemm l-Istati Membri jtemmu l-votazzjoni u r-riżultati finali jkunu ġew ippubblikati mill-awtoritajiet elettorali nazzjonali.

Barra dan, mis-18:00 GMT+2 u għal dawk il-pajjiżi fejn il-votazzjoni tkun diġà ntemmet, il-paġni nazzjonali se juru stimi tal-elezzjonijiet skont il-partiti nazzjonali u l-gruppi politiċi, il-voti kif miksuba mill-partiti nazzjonali u l-gruppi politiċi f’perċentwali u siġġijiet, kif ukoll id-dejta dwar il-parteċipazzjoni elettorali kif imħabbra mill-awtoritajiet elettorali nazzjonali.

X’inhi “projezzjoni”? Il-projezzjoni tal-Parlament Ewropew hija stima tal-kompożizzjoni tiegħu li tirriżulta mill-elezzjonijiet. Minħabba l-ħinijiet differenti tal-votazzjoni fil-pajjiżi tal-UE, kull projezzjoni fil-lejl tal-elezzjonijiet se tkun ibbażata fuq taħlita ta’ dejta disponibbli, li tvarja minn dejta elettorali mhux uffiċjali bħal stħarriġ tal-opinjoni tal-votanti huma u ħerġin mill-post tal-votazzjoni jew stimi ppubblikati fl-Istati Membri sa riżultati uffiċjali elettorali nazzjonali. Id-dejta, irrispettivament ta’ liema kategorija tkun, se tiġi ppubblikata biss għall-Istati Membri ladarba l-votazzjoni fihom tkun intemmet. Verian, il-kuntrattur tal-Parlament għall-elezzjonijiet, qed jalloka r-riżultati nazzjonali fil-gruppi politiċi attwali bbażati fuq il-liġi elettorali ta’ kull pajjiż, u jagħti projezzjoni ta’ kif se jkunu mqassma s-siġġijiet kollha miksuba fil-Parlament Ewropew. Peress li l-kompożizzjoni futura tal-Parlament elett u l-gruppi politiċi tiegħu ma jistgħux jiġu antiċipati qabel is-sessjoni kostituttiva, il-projezzjoni tal-kompożizzjoni tal-Parlament hija bbażata fuq l-istruttura tal-Parlament uxxenti.

Xi tfisser il-kelma “oħrajn”? Il-projezzjoni tal-kompożizzjoni tal-Parlament hija bbażata fuq l-istruttura tal-Parlament uxxenti u l-gruppi politiċi tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-kompożizzjoni tal-Parlament li jmiss fis-sessjoni kostituttiva tiegħu. Il-partiti nazzjonali attwali rappreżentati fil-Parlament se jitpoġġew fl-istess grupp politiku kif qegħdin ipoġġu fil-Parlament uxxenti. Il-partiti nazzjonali li bħalissa mhumiex rappreżentati fil-Parlament Ewropew se jkunu affiljati ma’ grupp politiku jekk ikunu affiljati uffiċjalment ma’ dak il-grupp jew ikunu membru sħiħ f’partit politiku Ewropew, irreġistrat mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej. Il-partiti nazzjonali li attwalment la huma rappreżentati fil-Parlament Ewropew u lanqas ma għandhom l-ebda affiljazzjoni uffiċjali ma’ partit politiku Ewropew jew grupp politiku huma murija fil-kategorija “oħrajn”, mingħajr ebda preġudizzju għall-orjentazzjoni politika tagħhom. Peress li ma nistgħux nippreġudikaw il-grupp/i li miegħu/magħhom se jiġu affiljati, din il-kategorija hija maqsuma b’mod ugwali fuq ix-xellug u fuq il-lemin tal-emiċiklu fir-rappreżentazzjoni grafika tal-projezzjoni ġenerali tas-siġġijiet.


Skopri kif jaħdmu l-elezzjonijiet Ewropej